Din il-paġna għandha l-għan li tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-miżuri meħuda fl-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-pandemija tal-COVID-19, li jaffettwaw il-ġudikatura, l-awtoritajiet nazzjonali u l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja, iżda wkoll in-negozji u ċ-ċittadini.
Billi s-sitwazzjoni qed tinbidel malajr u l-informazzjoni dwar dan is-suġġett għadha qed tevolvi, din il-paġna se tiġi aġġornata regolarment biex tirrifletti l-iżviluppi l-ġodda.
Il-Kunsill tal-Ewropa ħoloq ukoll paġna web dwar il-miżuri nazzjonali fil-qasam tal-ġustizzja fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19. Tista’ tikkonsulta l-paġna hawnhekk.
1. ID-DRITT ĊIVILI U L-LIĠI DWAR L-INSOLVENZA
Ġiet iddedikata paġna separata għall-miżuri meħuda fl-Istati Membri b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 fil-qasam tad-dritt ċivili, inklużi l-liġi tal-familja u l-liġi kummerċjali, u l-liġi dwar l-insolvenza. Tista’ taċċessaha hawnhekk.
L-informazzjoni mogħtija fil-paġna li tittratta l-impatt tal-COVID-19 fuq materji ċivili u ta’ insolvenza hija pprovduta u miżmuma mill-Punti ta’ Kuntatt nazzjonali tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali.
2. ID-DRITT KRIMINALI
NĠE (f’materji kriminali)
Ħafna Stati Membri imponew restrizzjonijiet stretti biex jipprevjenu l-imxija tal-coronavirus. Dan jaffettwa wkoll il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-applikazzjoni tal-istrumenti tal-UE.
Is-Segretarjat tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (NĠE) qed jiġbor informazzjoni dwar il-kooperazzjoni internazzjonali f’materji kriminali u qed jagħmilha disponibbli fit-Taqsima speċjali tal-COVID-19 tas-sit web tan-NĠE. Peress li l-aċċess għal xi informazzjoni huwa ristrett, jekk jogħġbok ikkuntattja l-punt ta’ kuntatt nazzjonali tiegħek jew is-Segretarjat tan-NĠE biex titlob dawn id-dettalji.
Il-Grupp tal-Koordinazzjoni tal-MAE
Il-kriżi tal-COVID-19 għandha impatt immedjat fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, bħall-proċedimenti tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew (MAE).
Matul il-kriżi attwali, hemm bżonn ta’ skambju rapidu u effiċjenti bejn l-Istati Membri fil-proċedimenti sensittivi ta’ ċediment. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Eurojust, nediet in-NĠE (f’materji kriminali) u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, grupp ta’ koordinazzjoni tal-MAE. Il-grupp jista’ jkun utli wkoll għal sitwazzjonijiet oħrajn meta jkun meħtieġ skambju rapidu bejn l-Istati Membri, pereżempju b’reazzjoni għal sentenzi tal-QĠUE, li jkollhom impatt dirett fuq il-funzjonament bla xkiel tal-MAE.
Id-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati u akkużati
It-tifqigħa tal-COVID-19 għandha wkoll impatt fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati u akkużati. Il-komunikazzjoni diretta ma’ avukati, interpreti jew ma’ terzi (filwaqt li l-persuni suspettati jew akkużati jiġu mċaħħda mil-libertà) hija aktar diffiċli.
L-użu ta’ awdjokonferenzi u vidjokonferenzi jew b’għodod oħra ta’ komunikazzjoni huwa mħeġġeġ. Barra minn hekk, għandhom jiġu adottati miżuri ta’ sikurezza, bħal protezzjonijiet tal-ħġieġ fl-għases tal-pulizija jew fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, sabiex ikun jista’ jiġi eżerċitat id-dritt ta’ aċċess għal avukat jew id-dritt għal interpretu.
Id-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati u akkużati jridu jiġu rrispettati anke fi żmien il-COVID-19 sabiex jiġi żgurat li jkun hemm proċedimenti ġusti. Derogi limitati, li huma previsti mid-direttivi, jekk hemm rekwiżiti imperattivi, għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv mill-awtoritajiet kompetenti u ma għandhomx jintużaw fuq skala kbira.
Il-vittmi tal-kriminalità — appoġġ u protezzjoni matul iż-żmien tal-pandemija tal-COVID-19
Skont id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li l-vittmi kollha tal-kriminalità jkollhom aċċess għal servizzi ta’ appoġġ ġenerali u speċjalizzati li jkunu kunfidenzjali, mingħajr ħlas u li jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet individwali tal-vittmi. L-aċċess għal appoġġ u protezzjoni li jikkorrispondi għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi għandu jkun disponibbli fiċ-ċirkostanzi kollha. Dan jinkludi wkoll is-sitwazzjoni speċifika matul il-pandemija tal-COVID-19.
- Appoġġ u protezzjoni liIl-vittmi tal-kriminalità matul il-COVID-19
(544 KB)
- L-għażla ta’ prattiki tajba mill-Istati Membri - il-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi tal-kriminalità matul il-COVID-19
(832 KB)
Vittmi tal-vjolenza domestika
Is-sitwazzjoni tal-vittmi tal-vjolenza domestika hija partikolarment aggravata bit-tbegħid soċjali u l-iżolament matul perjodi ta’ konfinament. Persuni b’sieħeb abbużiv u tfal b’ġenituri abbużivi huma minn naħa aktar esposti għal kontroll koerċittiv, vjolenza u negliġenza, u min-naħa l-oħra, l-aċċess tagħhom għall-appoġġ u l-protezzjoni huwa aktar limitat.
L-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu miżuri speċjali ta’ appoġġ u protezzjoni għall-vittmi tal-vjolenza domestika fl-iskemi tal-emerġenza tal-COVID-19 nazzjonali tagħhom. B’mod partikolari, huwa kruċjali li jiġi żgurat aċċess effettiv għal servizzi ta’ appoġġ online u offline, inkluża għajnuna psikoloġika u servizzi soċjali oħrajn. Il-vittmi tal-vjolenza domestika b’mod partikolari għandu jkollhom aċċess għal postijiet ta’ kenn, għajnuna psikoloġika, appoġġ għat-trawma u konsulenza. L-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar għandhom ukoll ikunu partikolarment attenti għall-każijiet irreġistrati u ġodda ta’ vjolenza domestika. Huwa kruċjali wkoll li tiġi żgurata l-protezzjoni fiżika tal-vittmi.
Il-paġni b’din it-tema speċifiċi għall-pajjiż tal-Portal tal-Ġustizzja elettronika jipprovdu informazzjoni ġenerali dwar kif l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi jiġu organizzati fi Stati Membri partikolari.
Bosta atturi (inklużi l-aġenziji tal-UE u l-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ) jipprovdu informazzjoni prattika dwar kif jiġi żgurat l-appoġġ u l-protezzjoni għall-vittmi waqt is-sitwazzjoni pandemika tal-COVID-19:
- Informazzjoni dwar l-eqreb servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza domestika tinsab hawnhekk (minn Women against Violence Europe).
- L-informazzjoni dwar il-helplines ta’ emerġenza nazzjonali għan-nisa tinsab hawnhekk (mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi).
- Informazzjoni dwar kif jiġu stabbiliti u pprovduti appoġġ u konsulenza mill-bogħod għall-vittmi tal-vjolenza domestika tinsab fis-sit web tal-Victim Support Europe.
- L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali ħarġet bullettin dwar l-implikazzjonijiet tal-pandemija tal-COVID-19 fuq id-drittijiet fundamentali. Dan jinkludi eżempji ta’ prattiki tajbin minn bosta Stati Membri dwar kif jiġu żgurati l-appoġġ u l-protezzjoni għall-vittmi tal-vjolenza domestika.
- L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tipprevedi wkoll sett ta’ pariri dwar kif għandhom jiġu appoġġati u protetti l-vittmi tal-vjolenza domestika matul sitwazzjoni pandemika.
Vittmi taċ-ċiberkriminalità
Skont il-EUROPOL, il-pandemija tal-COVID-19 iġġib magħha opportunitajiet ġodda għall-kriminali biex jabbużaw il-biżgħat u l-kundizzjonijiet tax-xogħol taċ-ċittadini. L-għadd ta’ attakki ċibernetiċi huwa sinifikanti u mistenni li jiżdied aktar. B’għadd ta’ nies jaħdmu mid-dar, iċ-ċansijiet li l-kriminali ċibernetiċi jisfruttaw l-opportunitajiet u l-vulnerabbiltajiet immultiplikaw.
L-EUROPOL ħejjiet suġġerimenti ta’ prevenzjoni u sensibilizzazzjoni biex jgħinu lill-pubbliku ġenerali jżomm ’il bogħod mill-perikli ċibernetiċi. Matul dawn iż-żminijiet ta’ riskji ogħla, huwa partikolarment importanti li jintuża l-kontroll mill-ġenituri għas-salvagwardja tal-attivitajiet online tat-tfal, l-apparati elettroniċi jitħarsu bil-passwords, bil-PIN jew bl-informazzjoni bijometrika u x-xiri jsir mingħand bejjiegħa online affidabbli (wara li jiġu ċċekkjati l-klassifikazzjonijiet individwali).
Aktar informazzjoni dwar kif tbiegħed il-perikli online tinsab hawnhekk.
Vittmi ta’ reati ta’ mibegħda
L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tirrapporta żieda fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE fl-inċidenti ta’ razziżmu, ksenofobija u intolleranza mmirati lejn ċerti komunitajiet nazzjonali jew etniċi, li huma marbuta mal-pandemija tal-COVID-19.
L-isforzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-vittmi ta’ reati ta’ mibegħda jenħtieġ li jkollhom l-għan li jrawmu r-rappurtar ta’ reati ta’ mibegħda, li jtejbu l-investigazzjoni preċiża tal-motivazzjonijiet ta’ preġudizzju u li jipprovdu appoġġ lil dawn il-vittmi.
Is-sitwazzjoni fil-ħabsijiet
B’riżultat tat-tifqigħa tal-COVID-19, l-amministrazzjonijiet tal-ħabs nazzjonali jinsabu taħt pressjoni biex jillimitaw l-impatt tal-virus fuq l-ambjent magħluq u vulnerabbli tal-ħabs. Miżuri biex jiġi evitat it-tixrid tal-virus jinkludu s-sospensjoni temporanja taż-żjarat kollha mill-familjari u attivitajiet ma’ persuni minn barra, bħal taħriġ sportiv, professjonali jew vokazzjonali.
Kemm il-persunal kif ukoll il-priġunieri huma mħassbin dwar saħħithom. Il-priġunieri jbatu min-nuqqas tal-attivitajiet u taż-żjarat, li joħloq sfida biex il-persunal jinżamm motivat u biex jiġu evitati l-irvellijiet mill-priġunieri.
B’mod partikolari, l-Istati Membri, li għandhom rati għoljin ta’ popolazzjoni eċċessiva fil-ħabsijiet, qed ikunu mġiegħla jieħdu deċiżjonijiet diffiċli dwar il-possibbiltà ta’ rilaxx bikri.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri pposponew ukoll it-trasferimenti fiżiċi kollha ta’ priġunieri skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008.
Il-Kummissjoni għandha l-għan li tappoġġa lill-Istati Membri fit-tweġibiet tagħhom biex jindirizzaw is-sitwazzjoni fil-ħabsijiet billi tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki.
Għal dak il-għan, qed issir referenza għal-lista ta’ siti elettroniċi utli ta’ hawn taħt li jinkludu data dwar il-kwistjoni tal-COVID-19 fil-ħabsijiet fis-siti web differenti tal-Istati Membri tal-UE:
L-Organizzazzjoni Ewropea tal-Ħabsijiet u s-Servizzi Korrettivi (EuroPris), organizzazzjoni kkofinanzjata mill-Programm dwar il-Ġustizzja tal-Kummissjoni Ewropea, għandha paġna ddedikata għall-miżuri fil-ħabsijiet Ewropej fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19.
Fl-aħħar ta’ Marzu 2020, il-EuroPris bdiet mailing group, li laqqa’ flimkien esperti (li bħalissa jammontaw għal 84 espert) u li qasmu flimkien l-aġġornamenti ta’ kuljum tat-tweġibiet u l-mistoqsijiet kollha li kienu deħlin.
L-aġġornamenti ta’ kuljum jistgħu jiġu kkonsultati wkoll fis-sit web tagħhom.
Il-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament u Pieni Inumani jew Degradanti (CPT) tal-Kunsill tal-Ewropa ppubblika dikjarazzjoni tal-prinċipji relatati mat-trattament ta’ persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19.
Il-grupp ta' ħidma tal-Kunsill għall-kooperazzjoni penoloġika tal-Kunsill tal-Ewropa (PC-CP WG) ippubblika dikjarazzjoni relatata mal-COVID-19, bl-Ingliż u bil-Franċiż.
Iktar informazzjoni relatata mal-COVID-19 u l-ħabsijiet u l-probation jinsabu fis-sit web tal-Kunsill tal-Ewropa inkluż l-aħħar Statistiques Penales Annuelles du Conseil de l’Europe (SPACE) 2019.
IPS Innovative Prison Systems ħarġu Gwida Bażika għal Min Jieħu d-Deċiżjonijiet dwar il-Prattiki u r-Rakkomandazzjonijiet Dinjin, COVID-19 Pandemic Response Fighting the invisible threat in prisons, Joana Apóstolo, Rita Martins u Pedro das Neves
Is-Sottokumitat tan-NU għall-Prevenzjoni tat-Tortura (SPT):
Fis-sessjoni ta’ Frar li għadda, l-SPT ħareġ parir dwar il-Mekkaniżmi Nazzjonali ta’ Prevenzjoni (NPMs) dwar din il-kwistjoni.
Fit-30 ta’ Marzu 2020, l-SPT ħareġ parir dettaljat dwar firxa ta’ azzjonijiet li għandhom jieħdu l-gvernijiet u l-korpi ta’ monitoraġġ indipendenti biex jipproteġu lill-persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom waqt il-pandemija tal-COVID-19.
L-Assoċjazzjoni għall-Prevenzjoni tat-Tortura (Association for the Prevention of Torture - APT) nediet hub ta' informazzjoni li tikkompila u tissistematizza d-data dwar iċ-ċaħda tal-libertà u l-COVID-19.
Penal Reform International (PRI), ippubblikat nota ta’ informazzjoni, Coronavirus: Healthcare and human rights of people in prison
Il-European Prison Observatory (EPO), netwerk ta’ NGOs Ewropej ikkoordinati minn Antigone sa mill-2012, ġabar informazzjoni dwar kif il-pajjiżi Ewropej qed jittrattaw il-virus, inkluż rapport "COVID-19: what is happening in European prisons?" u mappa interattiva b’informazzjoni fil-qosor għal kull Stat Membru.
L-Uffiċċju Reġjonali għall-Ewropa tad-WHO ppubblika gwida interim dwar kif għandu jiġi ttrattat il-COVID-19 fil-ħabsijiet u f’postijiet ta’ detenzjoni oħrajn.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, għamel dikjarazzjoni dwar il-pandemija tal-COVID-19: Hemm bżonn ta’ passi urġenti biex jiġu protetti d-drittijiet tal-priġunieri fl-Ewropa.
Probation
It-tifqigħa tal-COVID-19 għandha wkoll effett fuq il-ħidma tal-probation fl-UE. L-organizzazzjonijiet joħolqu modi ġodda ta’ ħidma u jipprovdu istruzzjonijiet addizzjonali għall-persunal fil-ġestjoni tax-xogħol u r-responsabbiltajiet tagħhom. Il-Konfederazzjoni Ewropea tal-Probation (CEP), organizzazzjoni kkofinanzjata mill-Programm Ġustizzja tal-Kummissjoni Ewropea, tippubblika informazzjoni, miżuri u protokolli dwar kif is-servizzi tal-probation madwar l-Ewropa kollha qed jittrattaw it-tifqigħa tal-COVID-19.
Huma identifikaw prattiki komuni u żviluppaw rakkomandazzjonijiet dwar il-COVID-19 fis-settur tal-Probation:
- Is-servizzi tal-probation madwar l-UE jsegwu u jikkonformaw mal-parir u l-gwida pprovduti mill-awtoritajiet nazzjonali biex ma jkunux biss il-persunal tal-probation u l-persuni soġġetti għal superviżjoni li jinżammu sikuri iżda wkoll il-komunità b’mod ġenerali;
- Il-Komunikazzjoni fost il-persunal tal-probation kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn issir mill-bogħod bit-telefown, bil-posta jew bil-vidjokonferenzi. L-organizzazzjonijiet tal-probation li diġà għandhom infrastruttura diġitali qegħdin f’sitwazzjoni vantaġġuża;
- Laqgħat wiċċ imb wiċċ bejn il-persunal tal-probation u t-trażgressuri jiġu sostitwiti b’kuntatti mill-bogħod bil-posta, bit-telefown jew bil-vidjokonferenzi;
- Għall-organizzazzjonijiet tal-probation fl-UE hija prijorità ewlenija li jieħdu ħsieb it-trażgressuri b’riskju għoli. It-trażgressuri b’riskju ogħla jiġu identifikati u prijoritizzati għal finijiet ta’ superviżjoni u intervent/trattament, speċjalment dawk bi storja ta’ abbuż domestiku;
- F’ħafna mill-pajjiżi s-servizz komunitarju twaqqaf jew ġie pospost;
- Il-monitoraġġ elettroniku jkompli bħas-soltu, il-laqgħat fiżiċi jiġu sostitwiti b’telefonati jew b’għodod online oħrajn;
- Li aktar persuni jingħataw il-probation ma għandu qatt iwassal għal eċċess ta’ nies bil-probation u għal pressjoni irresponsabbli fuq l-ammont ta’ każijiet għall-uffiċjali tal-probation. Is-sanzjonijiet alternattivi jridu jkunu sinifikanti u jintużaw b’mod xieraq biex tiġi evitata s-superviżjoni tal-massa;
- Hekk kif is-sessjonijiet tal-qorti qed jiġu posposti, huwa mistenni li wara l-pandemija tal-COVID-19 ikun hemm pressjoni ogħla fuq il-kitba u l-konsenja ta’ rapporti ta’ qabel is-sentenzjar, u b’hekk ikun hemm impatt dirett fuq ix-xogħol ta’ kuljum tal-uffiċjali tal-probation;
- L-organizzazzjonijiet kollha tal-probation fl-UE huma mħassbin u qed jitolbu li tinġibed l-attenzjoni għaż-żieda probabbli ħafna ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika.
3. L-UŻU TA’ GĦODOD DIĠITALI MILL-ĠUDIKATURA
Għadd ta’ Stati Membri għamlu pass biex isaħħu l-użu tal-għodod diġitali mill-ġudikatura fid-dawl tal-kriżi kkawżata mill-coronavirus.
It-tabella ta’ hawn taħt tipprovdi informazzjoni dwar il-miżuri temporanji meħuda fl-Istati Membri:
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.