Manteniment tal-familja

Jekk tixtieq titlob manteniment, pereżempju billi titlob ħlas mensili għall-manteniment ta' tifel minn ġenitur li mhux jgħix ma' dak it-tifel, il-liġi tal-UE tippermettilek li tuża l-qrati tal-Istat tiegħek biex jiddeterminaw l-obbligu tad-debitur li jħallas il-manteniment u jistabbilixxu l-ammont li jrid jitħallas. Sentenza dwar dan tiġi rikonoxxuta faċilment fl-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

Jekk jogħġbok agħżel il-bandiera tal-pajjiż rilevanti biex tikseb informazzjoni nazzjonali dettaljata.

Ir-regoli l-ġodda minn Ġunju 2011

Mit-18 ta' Ġunju 2011 'il quddiem, japplikaw ir-regoli l-ġodda dwar materji ta' manteniment. Dawn xorta jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja tal-kreditur ta' manteniment billi jippermettulu jfittex lid-debitur quddiem il-qrati tal-Istat tiegħu. Barra minn hekk, f'ħafna każijiet, il-Protokoll tal-Aja tal-2007 jiddetermina l-liġi applikabbli għall-obbligi ta' manteniment u kull sentenza dwar il-manteniment mogħtija mill-qrati tal-Isati Membri tiċċirkola liberament fl-Unjoni Ewropea u tista' tiġi eżegwita fl-Istati Membri kollha mingħajr formalitajiet addizzjonali. Finalment, il-kredituri u d-debituri ta' manteniment jibbenefikaw minn għajnuna amministrattiva offruta mill-Istati Membri.

Ir-regoli l-ġodda japplikaw fit-27 Stat Membru tal-UE, inkluża d-Danimarka, bis-saħħa tal-Ftehim tad-19 ta’ Ottubru 2005 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. Madankollu, id-Danimarka ma tapplikax xi regoli, b'mod partikolari, ir-regoli dwar il-liġi applikabbli u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali.

Ir-Regolament jipprovdi wkoll li l-awtoritajiet amministrattivi jistgħu jitqiesu bħala qrati għall-iskop ta' proċeduri ta' manteniment. Tista' ssib lista ta' dawk l-awtoritajiet hawnhekk PDF (233 Kb) mt.

Meta l-manteniment ikun dovut minn persuna li tgħix f'pajjiż li mhux Stat tal-UE jew għall-benefiċċju tagħha, il-Konvenzjoni dwar l-irkupru internazzjonali ta’ appoġġ tat-tfal u forom oħrajn ta’ manteniment familjari u l-Protokoll dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta' manteniment jistgħu jgħinuk biex tirkupra l-manteniment fi Stati mhux tal-UE li jkunu partijiet kontraenti għal dawn l-istrumenti internazzjonali. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ għall-UE fir-rigward ta' Stati terzi li huma parti fil-Konvenzjoni mill-1 ta' Awissu 2014.

Formola standard mhux obbligatorja dwar id-dikjarazzjoni ta' arretrati fil-manteniment

Sabiex jiffaċilita l-implimentazzjoni prattika tar-Regolament dwar il-Manteniment, u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet taċ-ċittadini madwar l-UE, in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fl-oqsma ċivili u kummerċjali żviluppa formola standard mhux obbligatorja dwar id-dikjarazzjoni tal-arretrati fil-manteniment.

Din il-formola mhux obbligatorja għandha l-għan li tiffaċilita l-irkupru tal-arretrati tal-manteniment u hija disponibbli fi 23 lingwa. Mal-formola hemm mehmuża gwida prattika dwar kif timlieha. Il-formola tinsab fil-formati li ġejjin: PDF PDF (1044 Kb) mt u XLS Excel (390 Kb) mt.

L-aħħar aġġornament: 05/01/2021

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.