Il-konfiska f’livell internazzjonali
F’livell internazzjonali hemm diversi strumenti li jippromwovu l-konfiska tar-rikavat kriminali. Pass importanti reali fil-promozzjoni tal-konfiska tar-rikavat kriminali huwa l-Konvenzjoni ta' Strasburgu tal-1990, li ġiet ratifikata mis-27 Stat Membru tal-UE. Hija għandha l-għan li tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali fl-identifikazzjoni, ir-rintraċċar, l-iffriżar u l-konfiska ta' assi kriminali. Din il-Konvenzjoni ġiet supplimentata u aġġornata mit-Tieni Konvenzjoni ta' Strasburgu.
Il-Konfiska fl-Unjoni Ewropea
L-Unjoni Ewropea ilha ttenni l-importanza tal-konfiska tar-rikavat kriminali. Sabiex jiġi żgurat approċċ komuni lejn il-konfiska fl-UE, ġew adottati diversi strumenti leġiżlattivi tal-UE fis-snin li għaddew. L-UE issa qed tiffoka fuq l-implimentazzjoni xierqa ta' dawn l-istrumenti fil-livell nazzjonali.
- Id-Deċiżjoni Qafas dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat mill-kriminalità ġiet adottata fl-2001. L-għan kien li tiżgura approċċ minimu komuni tal-Istati Membri f'termini ta' dawk ir-reati kriminali li għalihom għandhom jipprevedu l-konfiska. Ir-regola ġenerali hija li jekk reat huwa punibbli bi priġunerija ta' massimu ta' iktar minn sena, għandu jkun possibbli skont il-liġi nazzjonali li tiġi ordnata l-konfiska tar-rikavati ġġenerati minn dak ir-reat. L-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu sistema ta' konfiska tal-valur. Ir-rikjesti kollha li jiġu minn Stati Membri oħra għandhom jiġu proċessati bl-istess prijorità li tingħata lil tali miżuri fi proċedimenti purament domestiċi.
- Id-Deċiżjoni Qafas dwar il-Konfiska tal-2005 tipprova tiżgura livell addizzjonali ta' approssimazzjoni tal-liġijiet dwar il-konfiska kriminali tal-Istati Membri.
- Id-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta' Ordnijiet ta' Konfiska tistabilixxi r-regoli li skonthom l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stat Membru wieħed għandhom jirrikonoxxu u jeżegwixxu ordni ta' konfiska fit-territorju tiegħu maħruġ mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stat Membru ieħor. Il-valur tal-proprjetà konfiskata għandha tiġi maqsuma b’mod ugwali bejn l-Istat tal-ħruġ u dak tal-eżekuzzjoni.
- L-ordni ta' konfiska hija ta' spiss preċeduta mill-iffriżar tal-assi. Biex l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jkunu jistgħu jissekwestraw il-proprjetà fuq talba tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stat Membru ieħor id-Deċiżjoni Qafas dwar l-iffriżar ta’ proprjetà jew evidenza ġiet adottata fl-2003 (ara wkoll it-taqsima dwar l-Iffriżar tal-assi u l-evidenza).
- Biex il-kooperazzjoni prattika bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tkun effettiva, id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tipprova tibni fuq il-kooperazzjoni informali, li seħħet fost punti ta' kuntatt fl-Istati Membri li jaħdmu fil-qasam tal-identifikazzjoni, ir-rintraċċar u l-irkupru ta' assi kriminali fin-netwerk CARIN. Din id-Deċiżjoni teħtieġ li l-Istati Membri jistabilixxu jew jaħtru "Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi", bl-inkarigu li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni effettiva u l-iskambju tal-informazzjoni fil-qasam tal-irkupru tal-assi.
- Fl-2014, ġiet adottata Direttiva biex tagħmilha eħfef għall-istati tal-UE biex jikkonfiskaw assi li jkunu ġejjin minn delitti serji u organizzati. Id-Direttiva għandha l-għan li tissimplifika r-regoli eżistenti u timla l-lakuni importanti li qed jiġu sfruttati mill-gruppi tal-kriminalità organizzata. Hija se ssaħħaħ il-kapaċità tal-istati tal-UE li jikkonfiskaw l-assi li jkunu ġew trasferiti lil partijiet terzi, il-konfiska ta' assi kriminali ssir eħfef, anki meta l-persuna ssuspettata tkun ħarbet u jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu temporanjament jiffriżaw assi li jkun hemm ir-riskju li jgħibu jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni.
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.