Atlas Ġudizzjarju Ewropew dwar kwistjonijiet kriminali

In-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (NĠE) f'materji kriminali stabbilixxa Atlas Ġudizzjarju Ewropew sabiex jiffaċilita l-ħidma tal-prattikanti legali fl-implimentazzjoni prattika ta' talbiet għal għajnuna legali reċiproka bejn l-Istati Membri. L-Atlas jippermetti l-identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti lokali li tista' tirċievi t-talba għal għajnuna legali reċiproka u tipprovdi kanal rapidu u effiċjenti għat-trasmissjoni diretta ta' talbiet.

L-Atlas Ġudizzjarju Ewropew dwar għajnuna legali reċiproka f'materji kriminali, magħruf ukoll bħala l-Atlas, huwa għodda dinamika tat-TI li tipprovdi dettalji tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-implimentazzjoni ta' talbiet għall-kooperazzjoni ġudizzjarja u li simultanjament tieħu kont ta' tipi varji ta' data: żona ġeografika, organizzazzjoni ġudizzjarja, tip ta' reat, tip ta' miżura meħtieġa u l-istrumenti internazzjonali applikabbli.

L-Atlas huwa parti mis-sit elettroniku tan-NĠE u huwa ġestit mis-Segretarjat tan-NĠE. Il-kontenut attwali huwa mdaħħal mill-hekk imsejħin 'Korrispondenti tal-Għodda tan-NĠE'; Punti ta' Kuntatt speċjali tan-NĠE li għandhom ir-responsabbiltà għaż-żamma tal-informazzjoni fuq is-sit elettroniku tan-NĠE safejn l-informazzjoni tikkonċerna l-Istat Membru tagħhom. Billi l-Atlas ingħata back-office (għodda ta' ġestjoni tat-TI) flessibbli, l-Atlas huwa utli sabiex tiġi ppreżentata d-data tas-sistemi legali ferm differenti tal-Istati Membri.

L-Atlas huwa għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji li jeħtieġu għajnuna minn awtorità ġudizzjarja fi Stat Membru ieħor. Għalkemm l-Atlas huwa ospitat fuq is-sit tan-NĠE u miżmum mis-Segretarjat tan-NĠE, in-NĠE mhuwiex involut fit-talba, huwa sempliċiment jiġġestixxi l-għodda biex isir il-kuntatt dirett bejn żewġ awtoritajiet ġudizzjarji jew aktar. L-interfaċċja faċli għall-utent tiżgura li awtorità rikjedenti tista' faċilment issib lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru rikjest mingħajr ma jkollha għarfien dettaljat tas-sistema legali ta' dak l-Istat Membru.

Links relatati

Atlas Ġudizzjarju Ewropew f'Materji Kriminali

L-aħħar aġġornament: 28/04/2016

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.
Il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li taġġorna xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna