Reġistri kummerċjali f'livell Ewropew

Din it-taqsima tintroduċi fil-qosor il-kooperazzjoni tar-reġistri tan-negozju fil-livell Ewropew.

L-Interkonnessjoni ta’ reġistri tan-negozju tal-UE

Wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2012/17/UE, qed tiġi stabbilita sistema ta’ interkonnessjoni ta' reġistri tan-negozju fil-livell tal-UE, fi sforz konġunt li jinvolvi l-Istati Membri kollha tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea.

Is-sistema hija magħrufa bħala s-Sistema tal-Interkonnessjoni tar-Reġistri tan-Negozju (BRIS). Meta tidħol fis-seħħ, il-BRIS sejra:

  • Tiggarantixxi l-aċċess fil-livell ta’ UE għall-informazzjoni dwar kumpaniji rreġistrati fl-Istati Membri, u
  • Tippermetti, għall-ewwel darba, l-komunikazzjoni elettronika bejn ir-reġistri tan-negozju kollha tal-UE. Huma ser ikunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni fir-rigward ta’ fergħat barranin u fużjonijiet transfruntiera ta’ kumpaniji.

Bis-saħħa tal-BRIS, iċ-ċittadini, in-negozji u l-awtoritajiet nazzjonali se jkunu jistgħu jfittxu, permezz tal-portal tal-Ġustizzja elettronika, informazzjoni ppreżentata minn kumpaniji fir-reġistri nazzjonali. Barra minn hekk, is-sistema l-ġdida se ttejjeb il-komunikazzjoni bejn ir-reġistri billi tippermettilhom li jiskambjaw informazzjoni affidabbli dwar il-kumpaniji bejn xulxin.

Il-BRIS għandha tkun qed taħdem sat-8 ta' Ġunju 2017.

Sorsi alternattivi ta’ informazzjoni

Ir-Reġistru Ewropew tan-Negozju (EBR – European Business Reġister)

L-EBR huwa netwerk ta’ reġistri Ewropej tan-negozji. Huwa beda bħala kooperazzjoni teknika informali bejn ir-reġistri tan-negozjul-impriżi, u matul iż-żmien huwa ffukat fuq l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-kumpaniji madwar l-Ewropa kollha. Illum, l-utenti jistgħu jabbonaw għas-servizzi tal-EBR permezz tar-reġistru tan-negozji ta’ pajjiżhom stess. Dan jagħtihom aċċess transfruntier għall-informazzjoni dwar il-kumpaniji rreġistrati f’dawk il-pajjiżi li qed jieħdu sehem fin-netwerk tal-EBR.

Wieħed jista’ jsib aktar dettalji fis-sit web tal-EBR.

L-aħħar aġġornament: 29/09/2015

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.
Il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li taġġorna xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna