Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Mandat ta' arrest Ewropew

Il-Mandat ta' Arrest Ewropew (MAE) jissostitwixxi l-proċeduri twal ta' estradizzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE bi proċedura ġudizzjarja ssemplifikata ta' ċessjoni għall-fini ta' prosekuzzjoni jew eżekuzzjoni ta' sentenza ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni. MAE maħruġ mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stat Membru huwa validu għat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea.

X'inhu l-Mandat ta' Arrest Ewropew?

Il-Mandat ta' Arrest Ewropew huwa talba minn awtorità ġudizzjarja f'wieħed mill-Istati Membri tal-UE biex tiġi arrestata persuna fi Stat Membru ieħor u biex dik il-persuna tiġi ċeduta lill-ewwel Stat għall-fini ta' prosekuzzjoni jew eżekuzzjoni ta' sentenza ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni. Il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Huwa jippresupponi kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji.

Il-MAE jiżgura bilanċ tajjeb bejn l-effiċjenza u l-garanziji stretti li jkunu rispettati d-drittijiet fundamentali tal-persuna arrestata. L-Istati Membri u l-qrati nazzjonali jridu jirrispettaw id-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati jew akkużati u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Kull min jiġi arrestat b'MAE jista', pereżempju, ikollu avukat, u jekk ikun hemm bżonn interpretu, kif stipulat fil-liġi tal-pajjiż fejn ikun ġie arrestat.

Il-MAE huwa bbażat fuq ftehim bejn l-Istati Membri tal-UE, u hekk imsejħa Deċiżjoni Qafas dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew.

L-Istati Membri żviluppaw ukoll linji gwida għat-tħaddim ta' sistema ta' MAE fil-forma tal-"Manwal Ewropew dwar kif għandu jinħareġ Mandat ta' Arrest Ewropew".

X'hemm ġdid meta mqabbel mal-proċeduri ta' estradizzjoni tradizzjonali?

Il-Mandat ta' Arrest Ewropew jintroduċi sitt elementi innovattivi meta mqabbel mal-proċeduri ta' estradizzjoni tradizzjonali:

  1. Limiti ta’ żmien stretti: L-istat fejn tiġi arrestata l-persuna jrid jirritornaha lill-istat minn fejn ħareġ il-MAE f'perjodu massimu ta' 90 jum mill-arrest. Jekk il-persuna tagħti l-kunsens tagħha għaċ-ċessjoni, id-deċiżjoni għandha tittieħed fi żmien 10 ijiem.
  2. Proċeduri iktar sempliċi: Għal 32 kategorija ta' reati serji, il-prinċipju ta' kriminalità doppja - li jfisser li l-imġiba li għalih qed tintalab iċ-ċessjoni trid tkun reat kemm fl-istat li qed jitlobha u kemm fil-pajjiż fejn ġiet arrestata l-persuna - huwa abolit. Iżda r-reat irid ikun serju biżżejjed u li jkun punibbli b'tal-inqas tliet snin ħabs fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat. Mandat ta' Arrest Ewropew maħruġ fir-rigward tar-reati ta' hawn fuq irid jiġi eżegwit irrispettivament minn jekk id-definizzjoni tar-reat tkunx l-istess fiż-żewġ stati.
  3. L-ebda involviment politiku: Il-proċedura tal-MAE aboliet l-istadju politiku tal-estradizzjoni. Dan ifisser li d-deċiżjoni dwar jekk persuna għandhiex tiġi ċeduta jew le fuq il-bażi ta' MAE hija esklużivament proċess ġudizzjarju.
  4. Ċessjoni ta' ċittadini: Bi prinċipju, il-pajjiżi tal-UE ma għadhom jistgħux jirrifjutaw li jċedu liċ-ċittadini tagħhom, sakemm ma jipproċedux kontrihom jew jeżegwixxu is-sentenza ta' priġunerija huma stess kontra l-persuna riċerkata. Il-MAE huwa bbażat fuq il-prinċipju li ċ-ċittadini tal-UE għandhom ikunu responsabbli għall-atti tagħhom quddiem qrati nazzjonali madwar l-UE.
  5. Garanziji: Iċ-ċessjoni ta' persuna tista' tkun suġġetta għal tliet tipi ta' garanziji li jridu jingħataw lill-istat li jkun ħareġ il-mandat:
    a. Jekk MAE jkun ibbażat fuq sentenza li ngħatat fl-assenza tal-persuna riċerkata, iċ-ċessjoni tista' tingħata bil-kundizzjoni li l-persuna tingħata dritt li tappella għas-smigħ mill-ġdid tal-kawża fil-pajjiż li qed jitlob iċ-ċessjoni tagħha.
    b. Jekk il-MAE li persuna tkun arrestata minħabba fih ikun inħareġ għal delitt li għalih tapplika sentenza ta' għomor il-ħabs, iċ-ċessjoni tista' tingħata bil-kundizzjoni li l-akkużat ikun jista' jitlob reviżjoni ta' dik is-sentenza wara ċertu perjodu.
    c. Jekk it-talba tikkonċerna l-prosekuzzjoni ta' ċittadin jew resident abitwali tal-istat fejn il-persuna tkun ġiet arrestata, iċ-ċessjoni tista' tingħata bil-kundizzjoni li l-persuna tiġi rritornata għall-eżekuzzjoni f'każ ta' sentenza ta' kustodja.
  6. Raġunijiet għal rifjut: Iċ-ċessjoni ta' persuna arrestata tista' tiġi rrifjutata għal tliet raġunijiet obbligatorji u għal seba' fakultattivi. Ir-raġunijiet obbligatorji huma relatati mal-prinċipju "Ne bis in idem" (ma jkunx hemm ċessjoni jekk il-persuna tkun diġà serviet sentenza għall-istess reat), f'każ ta' akkużat taħt l-età (ma jkunx hemm ċessjoni jekk il-persuna ma tkunx laħqet l-età ta' responsabilità kriminali fil-pajjiż tal-arrest) u f'każ ta' amnestija (ma jkunx hemm ċessjoni jekk l-istat fejn il-persuna ġiet arrestata seta' jipproċedi lill-persuna hu u r-reat kien kopert minn amnestija f'dak l-istat). Raġunijiet fakultattivi għal rifjut huma bi prinċipju fid-diskrezzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji; pereżempju ċ-ċessjoni tista' tiġi rrifjutata jekk tkun parti mill-atti kriminali li l-MAE nħareġ għalihom seħħew fl-istat fejn il-persuna ġiet arrestata u li l-istat se jipproċedi hu rigward dawk l-atti.

Dejta statistika

Il-MAE huwa operattiv f'kull wieħed mit-28 Stat Membru u l-valutazzjonijiet juru li l-istrument qed jaħdem sew. Filwaqt li d-dejta mhix disponibbli mill-Istati Membri kollha, iċ-ċifri (imqarrba) fit-tabella ta' hawn taħt juru kemm jintuża spiss il-MAE.


2005

2006

2007

2008

2009

2010

2011

2012

2013

Maħruġa

6 900

6 750

11 000

14 200

15 800

13 900

9 800

10 450

13 100

Misjuba u/jew arrestati

1 770

2 040

4200

4 500

6 150

6 460

6 490

5 840

7 850

Ċeduti

1 530

1 890

3 400

3 630

5 580

5 370

5 230

4 480

3 460

Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri ċ-ċessjoni bil-kunsens issir fi żmien 14-16-il jum u mingħajr kunsens il-proċess jieħu inqas minn xahrejn. Madwar 50% taċ-ċessjonijiet iseħħu bil-kunsens tal-persuna riċerkata.

L-aħħar aġġornament: 23/07/2015

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.
Il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li taġġorna xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna