Talba għal assistenza ġudizzjarja

Talbiet għal assistenza ġudizzjarja huma mibgħuta minn imħallef jew prosekutur fi Stat Membru (SM) lil imħallef jew prosekutur fi Stat Membru ieħor.

Assistenza legali reċiproka

L-ewwel strument Ewropew għar-regolamentazzjoni ta' talbiet bħal dawn kien il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1959 u l-Protokoll tal-1978 tagħha u kien segwit bil-Konvenzjoni tal-1990. Fl-2000, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ffirmaw Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali sabiex tkun issupplementata u ffaċilitata l-applikazzjoni ta' dawk il-konvenzjonijiet. Il-Konvenzjoni tal-2000 ssaħħet fl-2001 permezz ta' Protokoll li jiffoka fuq assistenza legali reċiproka li tikkonċerna informazzjoni dwar kontijiet bankarji u transazzjonijiet bankarji.

Skont il-Konvenzjoni tal-2000, l-assistenza reċiproka tingħata in konnessjoni ma':

  • proċedimenti kriminali,
  • proċedimenti li jkunu nbdew mill-awtoritajiet amministrattivi meta d-deċiżjoni tista’ tagħti lok għal proċedimenti quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni f'materji kriminali,
  • proċedimenti relatati ma' reati jew ksur tal-liġi li tagħhom tista’ tinżamm responsabbli persuna ġuridika (kumpannija jew korp, mhux "persuna") fl-Istat Membru rikjedenti.

Il-kooperazzjoni tista' tkun permezz ta' skambju spontanju ta' informazzjoni jew wara talba minn Stat Membru. Ir-regola ġenerali hi li t-talbiet għandhom isiru direttament bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji b'kompetenza territorjali li jibdewhom u jesegwuhom u għandhom jirritornaw permezz tal-istess kanali. L-Istat Membru rikjest irid jikkonforma mal-formalitajiet u l-proċeduri indikati espressament mill-Istat Membru rikjedenti. Sabiex tkun iffaċilitata kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħrajn, il-Konvenzjoni tal-2000 tipprevedi għodod ibbażati fuq it-teknoloġija bħall-konferenzi bil-vidjo, it-telekonferenzi u l-interċettazzjoni ta' telekomunikazzjonijiet.

Rikonoxximent reċiproku

Sa mill-2001, l-Istati Membri qed jikkooperaw dejjem aktar permezz ta' strumenti li japplikaw il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku. Ir-rikonoxximent reċiproku jfisser li l-awtoritajiet ġudizzjarji (qrati, imħallfin, prosekuturi) ta' Stat Membru wieħed ser jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji fi Stat Membru ieħor bħala ekwivalenti għal dawk meħudin fl-Istat Membru proprju. Aktar informazzjoni dwar dawn l-istrumenti tinsab fis-subpaġni li ġejjin:

L-aħħar aġġornament: 10/06/2015

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.
Il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li taġġorna xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna