Provi

Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali lejn il-liġi tal-Unjoni Ewropea dwar il-ġbir ta' provi f'materji kriminali minn Stat Membru għal ieħor.

Sfond

It-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri fi ħdan l-UE ffaċilitat konsiderevolment il-moviment liberu taċ-ċittadini, imma għamlitha faċli wkoll biex il-kriminali joperaw transkonfinalment. Għaldaqstant, kooperazzjoni effettiva fi ħdan l-UE dwar il-ġbir ta' provi fi kwistjonijiet kriminali hija neċessarja.

Il-liġi tal-UE

Ir-regoli eżistenti dwar il-ġbir ta' provi fi kwistjonijiet kriminali fl-UE huma bbażati fuq trattati ta' għajnuna reċiproka, li l-iktar prominenti fosthom hija l- Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali, u strumenti ta' rikonoxximent reċiproku, li l-iktar prominenti fosthom hija d-Deċiżjoni Qafas dwar il-Mandat tal-Provi Ewropew.

Il-Konvenzjoni

  • Il-Konvenzjoni tkopri l-għajnuna reċiproka b'mod ġenerali bħat-teħid ta' stqarrijiet mill-persuni suspettati u x-xhieda u forom speċifiċi ta' għajnuna reċiproka, bħall-użu ta' vidjokonferenzi u l-interċezzjoni u l-ġbir ta' provi permezz ta' perkwiżizzjoni u qbid. Il-Konvenzjoni fiha wkoll regoli dwar it-telekomunikazzjoni. Barra minn hekk, il-Protokoll mal-Konvenzjoni fih regoli dwar il-ġbir ta' informazzjoni rigward kontijiet u tranżazzjonijiet bankarji.
  • Talbiet għal għajnuna reċiproka għandhom, bħala regola ġenerali, jiġu trażmessi direttament bejn l-awtorità ta' ħruġ u tal-eżekuzzjoni. Jekk ma tiġix invokata raġuni għar-rifjut mill-awtorità li teżegwixxi, it-talba għandha tkun eżegwita mill-aktar fis possibbli u jekk possibbli fit-termini indikati mill-awtorità ta’ ħruġ.
  • Sabiex tiġi żgurata l-ammissibbiltà tal-provi miksuba, l-awtoritajiet tal-Istat mitlub għandhom jikkonformaw mal-formalitajiet u l-proċeduri indikati mill-awtoritajiet tal-Istat rikjedenti sakemm ma jkunux imorru kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt fl-Istat rikjest.

Id-Deċiżjoni Qafas

  • Id-Deċiżjoni Qafas tapplika l-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji għall-fini tal-ġbir ta' provi għall-użu fi proċedimenti kriminali. Jista’ jinħareġ Mandat Ewropew għall-Provi (EEW) sabiex jinġabru provi li diġà jeżistu u li jkunu direttament disponibbli fil-forma ta’ oġġetti, dokumenti jew dejta.
  • Dan għandu jinħareġ permezz ta’ formola standard u jiġi tradott f’lingwa uffiċjali tal-Istat li jeżegwih. L-awtoritajiet tal-Istat li joħroġ il-mandat għandhom jivverifikaw li l-provi jistgħu wkoll jinġabru taħt il-liġi nazzjonali f'każ simili u li l-provi mfittxija huma neċessarji u proporzjonali għall-proċedimenti inkwistjoni.
  • Għandu jiġi rikonoxxut u eżegwit f’terminu fiss sakemm ma tkunx tapplika raġuni għal rifjut. L-eżekuzzjoni tal-Mandat Ewropew għall-Provi m’għandhiex tkun suġġetta għal verifika tal-kriminalità doppja (jiġifieri li l-att kommess ikun ikkunsidrat reat kriminali kemm fl-Istat tal-ħruġ u kemm f'tal-eżekuzzjoni) jekk ma jkunx meħtieġ li jitwettqu perkwiżizzjoni jew qbid jew jekk ir-reat ikun suġġet għal sentenza ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin u jissemma f’elenku ta’ reati fid-Deċiżjoni Qafas.
  • Sabiex tiġi żgurata l-ammissibbiltà tal-provi miġbura, l-awtoritajiet tal-Istat tal-eżekuzzjoni għandhom l-obbligu li jikkonformaw mal-formalitajiet u l-proċeduri indikati mill-awtoritajiet tal-Istat tal-ħruġ sakemm ma jmorrux kontra prinċipji fundamentali tad-dritt fl-Istat li jrid jeżegwixxi t-talba.

Il-futur

Il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed tikkunsidra hemmx bżonn ta' azzjoni ulterjuri sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għall-ġbir tal-provi fi kwistjonijiet kriminali. F'April 2010, seba' Stati Membri ppreżentaw inizjattiva għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew fi kwistjonijiet kriminali ("OIE"). Din il-proposta bħalissa tinsab fil-proċess li tiġi nnegozjata bejn il-koleġiżlaturi.

L-aħħar aġġornament: 20/02/2014

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.
Il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li taġġorna xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna