Rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' wara il-kawża

F'Novembru 2008, ġew adottati żewġ Deċiżjonijiet Qafas li jippermettu rijabilitazzjoni soċjali aħjar fil-pajjiż ta' appartenenza  tal-persuni kkundannati fi Stat Membru ieħor li mhux dak li normalment jgħixu fih.

Id-Deċiżjoni Qafas li tippermetti l-probation fil-pajjiż ta' appartenenza

Id-Deċiżjoni Qafas tal-2008 dwar miżuri ta' probation u sanzjonijiet alternattivi tagħmilha possibbli, għal persuna li tkun ġiet ikkundannata u rrilaxxata fuq probation jew li tkun ingħatat sanzjoni alternattiva fi Stat Membru li mhux tagħha, li tintbagħat lura lejn l-Istat Membru li normalment tkun tgħix fih. Il-piena tiġi ssorveljata mill-Istat Membru fejn il-persuna normalment tkun residenti. L-idea bażi hija li r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna tista' sseħħ iktar faċilment fil-pajjiż ta' appartenenza tagħha.

L-Istati Membri kellhom sas-6 ta’ Diċembru 2011 biex jittrasponu d-Direttiva fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Sal-lum, l-uniku strument tad-dritt internazzjonali dwar l-assistenza transfruntiera fil-każ ta' probation huwa l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1964. Peress li s'issa din ġiet irratifikata minn 12-il Stat Membru biss, xi wħud minnhom b'diversi riżervi, l-importanza tal-istrument huwa, fil-prattika, limitat. Id-Deċiżjoni Qafas se tissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar is-superviżjoni ta' dawk li jikkomettu reat u li jkunu ġew ikkundannati kundizzjonalment jew rilaxxati kundizzjonalment.

Fl-2009, il-Ministeru tal-Ġustizzja Belġjan vara proġett Ewropew iddedikat għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas. Dan il-proġett, li kien ikkofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, u sar bi sħubija ma' seba' Stati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Għaqda Ewropea tal-Probation ("CEP"), għandu bħala għan it-titjib tal-għarfien reċiproku tal-miżuri nazzjonali tal-probation u l-identifikazzjoni tad-diffikultajiet marbuta mal-implimentazzjoni leġiżlattiva u prattika ta' dan l-istrument. Riżultat partikolari ta' dan il-proġett kien li nħolqot websajt: http://www.euprobationproject.eu/. Din il-websajt toffri ħarsa lejn is-sistemi ġuridiċi differenti fuq is-suġġett tal-probation fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll spjegazzjoni fil-qosor tal-passi prinċipali li ħa dan il-proġett.

Deċiżjoni Qafas dwar it-trasferiment ta' priġunieri lejn il-pajjiż ta' appartenenza tagħhom

Id-Deċiżjoni Qafas tal-2008 dwar sentenzi ta' kustodja tippermetti t-trasferiment ta' priġunieri lura lejn il-pajjiż ta' residenza abitwali tagħhom. L-idea bażi hija li, bħal fil-każ ta’ probation, ir-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna tista' sseħħ iktar faċilment fil-pajjiż ta' appartenenza tagħha.

Din id-Deċiżjoni Qafas tissostitwixxi awtomatikament konvenzjonijiet bħall-Konvenzjoni Ewropea dwar it-trasferiment ta' persuni kkundannati (1983) u l-Protokoll Addizzjonali (1997) tagħha fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri kollha tal-UE. Mill-banda l-oħra, dawn il-Konvenzjonijiet se jibqgħu fis-seħħ fir-rigward ta' Stati terzi.

Titjib reali, fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafas li jikkonċerna lill-Konvenzjoni, huwa fil-metodu ta' komunikazzjoni bejn l-Istati involuti: fil-Konvenzjoni, it-talbiet għat-trasferiment isiru bejn il-Ministeri tal-Ġustizzja ta' kull Stat. Minflok dan, id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi kuntatt dirett bejn l-awtoritajiet kompetenti.

L-Istati Membri kellhom sal-5 ta’ Diċembru 2011 biex jittrasponu dan l-istrument fil-liġi nazzjonali tagħhom.

L-aħħar aġġornament: 09/10/2013

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.
Il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li taġġorna xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna